Il-fenomenu tal-immigrazzjoni rridu narawh b’mod razzjonali, mingħajr il-biża’ tal-injoranza u tal-estremiżmi tal-Lemin. L-immigrazzjoni hija problema għax titfa’ piż fuq ir-riżorsi limitati tagħna u toħloq il-biża’ għaliex iġġegħilna nħbattu wiċċna ma’ realtajiet li ilna ma mmissuhom b’idejna: il-ġuħ u l-faqar, it-turufnament bilfors, nies ta’ razza u kultura differenti li mhux bilfors niftiehmu magħhom kif ġieb u laħaq.

Smajt id-dibattitu Parlamentari kollu kemm hu dwar is-suġġett u fraħt lil l-politiċi (ħlief il-waħdiet li waqgħu għan-nassa tal-estremiżmu) qiegħdin għalenija lesti jaħdmu lejn soluzzjoni waħda. Wieħed ma jistax ma jistenniex differenzi, imma tant huma żgħar li faċli jingħelbu. Il-proposti li saru f’dan id-dibattitu u d-diksussjonijiet li segwew, jittantaw isibu bilanċ bejn li Malta żżomm mal-obbligi internazzjonali tagħha u fl-istess ħin tibqa’ tipprattika l-aġir Nisrani tagħha.
Hemm bżonn xogħol fuq kull aspett ta’ din il-problema b’bosta uċuħ. Hemm bżonn li l-immigranti jgħixu b’mod mill-aktar xieraq sakemm ikunu hawn, imma hemm bżonn li l-forzi tas-sigurtà u kull qaddej ieħor jieħdu dak li ħaqqhom għax-xogħol diffiċli mmens li qed jagħmlu. Hemm bżonn li b’xi mod naddattaw iċ-ċentri għad-drawwiet tal-immigranti, imma hemm bżonn ukoll li sakemm ikunu hawn, ikun hemm xi forma ta’ edukazzjoni lejn l-integrazzjoni, fejn kulħadd jagħraf ir-regoli u l-obbligi li joħorġu mill-kuntatt kulturali li dan il-fenomenu jġib miegħu.

Jien u nisma’ d-dibattitu, b’nofs ċajta għidt lili nnifsi li seta’ kien hemm l-Alternattiva qed titkellem fil-Parlament għaliex l-attitudni kawta għal din il-problema hija fil-biċċa l-kbira identika għal bosta mill-pożizzjonijiet tal-partit dwar is-suġġett.

Fl-istess ħin ukoll, l-AD hija fehma waħda mal-partiti l-oħra dwar il-ħtieġa li nsemmgħu leħinnha aktar mal-Ewropa biex nieħu dak li hemm bżonn biex nintrifdu daqsxejn oħra.

L-Ewropa trid iddaħħal idha fil-but u twettaq dak li twiegħed fuq il-karta: trid tagħraf il-problema li qed niffaċċjaw, trid issolvi l-kwistjoni tal-Frontex, il-wegħda tal-qsim tal-piż u r-responsabbiltà bejn il-pajjiżi, il-problema tat-traffikar tal-bnedmin li ġej mix-xtut Afrikani iżda li jaf ikoll wkoll il-kooperazzjoni min-nies li lanqas ma nistennew li jkunu nvoluti.

Jekk nista’ nagħti parir lil Joe Muscat: għadda ż-żmien li ndaħħlu lil Mintoff u lil Helsinki fil-Kredu. Dak kien żmien ieħor u dinja oħra u d-destin ta’ Malta llum huma fl-Unjoni Ewropea fejn nikkollaboraw ma’ xulxin, anki jekk xi kultant hemm bżonn nuru snienna, biex naslu għal soluzzjonijiet komuni.

Imma ma nistgħux nuru snienna billi niżolaw irwieħna, u naħdmu bit-tpattija u bit-tfixkil. Nitkellmu ċar, nitkellmu b’fehmiet sodi, u nirbħu dak li għandna nirbħu bid-diplomazija u billi nispjegaw b’konvinċiment il-verità tal-fatti. Problemi ġodda jeħtieġu soluzzjonijiet ġodda.

Ninsab għalhekk fiduċjuża li l-preżenza ta’ Membru Parlamentari Ewropew tal-Alternattiva Demokratika tista’ tkun il-feles meħtieġ biex naslu għal soluzzjonijiet realistiċi u konkreti dwar din il-problema.

Bl-esperjenza tagħna fil-politika Ewropea u bl-enerġija li dejjem ikkaratterizzatna, żgur nistgħu naslu. L-aktar għaliex, bħal dejjem, se mmorru lil hinn mill-bnadar tal-partiti u l-firdiet li jafu jġibu magħhom, u naħdmu, dejjem l-ewwel u qabel kollox, fl-interess tal-pajjiż.

yvonnebejer@hotmail.com

Advertisement