Yvonne Ebejer Arqueros, 43 sena, twieldet Tas-Sliema u tgħix Raħal Ġdid mat-tliet uliedha Andreas, Anastacia u Nicolas. Taħdem mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni bħala għalliema tal-PSD fl-iskjjel primarji, u studjat il-pedagoġija u t-teatru f’Malta u fl-Ukraina.
Yvonne ilha għal żmien twil attiva fil-qasam soċjali, u ħadmet ukoll f’kampanji tas-soċjetà ċivili biex Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Fost l-oħrajn, kienet il-ko-fundatriċi tal-għaqda ‘Women for Peace and Equality’ u ħadmet dwar diversi kwistjonijiet fosthom il-qagħda fil-Palestina u d-drittijiet tan-nisa f’Malta u fil-Mediterran. Wettqet ħafna xogħol voluntarju mal-Appoġġ, u ma’ Daritama f’Bormla fejn għadha taħdem s’issa, l-aktar fil-qasam tat-tfal u ż-żgħażagħ. Yvonne għandha għal qalbha ħafna l-kwistjonijiet li jolqtu n-naħa t’ isfel ta’ Malta, fejn taħdem u twettaq ħafna mill-ħidmiet tagħha, u żoni oħra fejn jeżistu l-problemi soċjali.
Yvonne hija wkoll attriċi magħrufa u maħbuba li ħadmet fis-sensiliet televiżivi popolari Viva l-Ministru u Villa Sunset. Ippreżentat ukoll programmi edukattivi għat-tfal fuq l-istazzjon Education 22 u dalwaqt se tidher f’sensiela televiżiva oħra.
‘Għażilt li noħroġ mal-Alternattiva Demokratika għaliex nemmen li huwa partit li fih nista’ nkompli ngħin lin-nies kif għamilt tul snin twal ta’ ħidma volontarja fil-qasam soċjali. Inħobb lil pajjiżi u nixtieq narah dejjem jikber aktar f’Ewropa mġedda, u naħseb li l-Alternattiva Demokratika hija l-partit bl-aħjar ideat għal dan. Bl-Alternattiva wkoll fil-Parlament Ewropew, nimxu pass ieħor ‘il quddiem lejn it-tnaqqis tal-firda politika fostna l-Maltin, u lejn politika aktar pluralista li ssemma kemm jista’ jkun ilħna differenti.
Ix-xogħol tiegħi ma’ niex inqas ixxurtjati għallimni l-valuri tal-inklużjoni u l-inklussività- valuri li nixtieq nestendihom għall-politika u d-demokrazija Maltija, fejn kulħadd jista’ jwettaq il-potenzjal tiegħu jew tagħha, minkejja d-differenzi ta’ bejnietna. Flimkien ma’ Arnold Cassola, qed nieħu l-opportunità li nipproponi mod ġdid ta’ kif Malta tista’ tirnexxi fl-Ewropa, sabiex ilkoll niggarantixxu nifs ġdid għal pajjiżna u ġejjieni aħjar għal uliedna’











Leave a comment
Comments feed for this article